Is-Coeliac Association qed tibqa’ tirċievi lmenti dwar il-problemi numerużi li coeliacs jesperjenzaw meta jieklu barra, bħal fir-restoranti.
Dawn huma ftit eżempji ta’ lmenti li rċivejna minn persuni li huma coeliac:
- Gluten free burger: tistaqsi jekk hix tajba għal coeliacs u tieħu t-tweġiba li l-ħobża hija gluten free imma m’hemmx ċertezza li l-ingredjenti l-oħra huma gluten free
- Insalata jew soppa jkollha breadsticks jew croutons miżjuda meta ma jkunux miktuba fil-menu
- Wejters: l-ewwel wejter ikun avżat li hemm persuna coeliac, iżda wejters oħrajn li jservu l-mejda ma jkunux ġew informati
- Ilmenti lir-restoranti: ir-risposta li tingħata meta coeliacs jilmentaw mar-restoranti li l-ikel ma kienx gluten free hi waħda fejn ir-responsabilità ma taqax fuq ir-restoranti. Dan bl-iskuża li qatt ma jistgħu jiggarantixxu li l-ikel ikun gluten free, mingħajr cross contamination.
- Meta tirreferi għal ‘coeliac disease’ għad hawn element ta’ konfużżjoni kbira. Huwa meta wieħed jgħid ‘gluten free’ li ċertu restoranti jifhmuk.
Ir-restoranti għadhom jirreklamaw ikel gluten free li imma mhux tajjeb għal min hu coeliac. Ta’ min jisħaq u jenfasizza li stqarrija bħal din hija kompletament kontradittorja għall-aħħar.
Matul dawn l-aħħar xhur ipprovajna niddiskutu dawn il-problemi mal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA), il-Malta Tourism Authority (MTA) u l-Food Safety Commission (FSC).
L-uniku risposta li rċivejna kienet mingħand l-FSC, fejn qalu li dawn il-problemi għandhom jiġu diskussi fil-laqgħa li jmiss. Ilna nistennew ‘il fuq minn 3 xhur biex ikollna xi indikazzjoni li verament saret diskussjoni dwar dawn l-ilmenti.
Bħala Assoċjazzoni qed niġu f’punt fejn qed nibqgħu nirrepetu ruħna imma hemm bżonn kbir ta’ tibdil. Aħna tal-opinjoni li Malta għandha tibda toffri food handling courses li jiffokaw fuq gluten free catering. Course bħal dan ikun jista’ jinkludi proċeduri bħal:
- L-impjegati kollha għandhom jiġu mgħallma b’mod regolari dwar allergens, cross contamination u food handling
- Mill-inqas impjegat wieħed li kellu dan it-taħriġ għandu dejjem ikun preżenti biex iservi lil min ikun coeliac
- Resorant għandu jistiva l-ingredjenti gluten free f’post separat mill-ingredjenti normali
- Restorant għandu jkollu post jew kċina separata fejn wieħed ikun jista’ jipprepara ikel li jkun gluten free
Bħalma għidna drabi oħra fil-passat, irridu nkunu ċari li dan mhux attakk kontra r-restoranti, imma nħossu li l-industrija tal-catering għandha bżonn l-għajnuna biex tkun tista’ toffri ikel adegwat għal min hu coeliac.
Waqt li bħala Assoċjazzjoni aħna niffokaw fuq coeliac disease u gluten, huwa importanti li niġbdu l-attenzjoni li dawn il-problemi huma parti mir-Regolament Ewropew No 1169/2011. Dan ir-regolament juri l-linji gwida mhux biss fuq gluten imma wkoll fuq l-erbatax-il allerġija kollha. Ir-regolament jispjega li huwa mandatorju li l-prodotti tal-ikel għandhom jinkludu informazzjoni ċara dwar ingredjenti bil-gluten, anki dawk li jistgħu jikkawżaw allerġiji jew intoleranzi. Dan japplika wkoll għal ikel servut fir-restoranti.
Ta’ min wieħed jiftakar li dan ir-Regolament Ewropew awtomatikament huwa parti mil-liġi Maltija u għalhekk għandu jiġi infurzat.
L-intenzjoni tagħna tibqa’ li naraw lil Malta timplimenta sistemi fl-industrija tal-catering li pajjiżi oħra Ewropej (ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja, il-Polonja, Ċipru u bosta oħrajn) ilhom li implementaw. Inħeġġu l-awtoritajiet relattivi kollha sabiex jieħdu azzjoni dwar dawn il-problemi.
Din l-istqarrija ingħatat kemm lil aġenziji tal-midja u kif ukoll lil awtoritajiet governattivi. Aħna sejrin inżommu lill-membri tagħna aġġornati dwar xi progress li jkun sar.